Skip to main content

FAQs

Below you can find the answer to your question.
If you are searching in your language and you are not getting any results, please try in English. The content may not yet be translated.

Is-sistemi tal-EPSO jappoġġaw il-brawżers tal-Internet l-aktar komuni. Jekk tiltaqa’ ma’ problemi, ikkunsidra li l-ewwel tibdel il-brawżer qabel ma tikkuntattjana.

L-użu tal-apparat mobbli biex timla l-formola ta’ applikazzjoni mhux rakkomandat. 

 

Portal Uniku tal-Kandidati (kompetizzjonijiet miftuħa):

Jekk tirċievi messaġġ ta’ żball li ma tistax tapplika għal din il-proċedura ta’ selezzjoni, x’aktarx diġà għandek abbozz ta’ applikazzjoni. Jeħtieġlek tiskrollja ’l isfel fil-paġna tal-applikazzjoni u tara l-abbozz tal-applikazzjoni. Jekk jogħġbok iffinalizza l-abbozz tal-applikazzjoni tiegħek u ppreżentah qabel l-iskadenza. 

 

Profil tal-EPSO (proċeduri ta’ selezzjoni tal-istaff kuntrattwali):

Evita li tuża l-buttuni “forward” jew “back” tal-brawżer int u timla l-formola ta’ applikazzjoni u meta tiċċaqlaq bejn formoli ta’ applikazzjoni differenti fil-kont tal-EPSO tiegħek (pereżempju biex taċċessa d-data mill-applikazzjonijiet preċedenti tiegħek) iżda minflok uża l-buttuni fuq l-iskrin (Lura għall-kont).

Għandek tikkopja/tippejstja minn text file pur (.txt) biss, billi tuża proċessur sempliċi tal-kliem (eż. NotePad fuq il-Windows, TextEdit fuq il-Mac OS X) biex tevita li ddaħħal spazji mhux neċessarji jew karattri inkompatibbli.

Jekk ma tistax tivvalida l-applikazzjoni tiegħek, għandek tiċċekkja t-tab “Ħarsa Ġenerali” tal-applikazzjoni tiegħek. Informazzjoni li tidher bl-aħmar hija nieqsa jew inkella żbaljata. 

F’każ ta’ problemi persistenti, għandek tikkuntattja lill-appoġġ tal-EPSO immedjatament u fi kwalunkwe każ ferm qabel l-iskadenza peress li ma nistgħux niggarantixxu tweġiba jekk il-mistoqsija tiegħek tintbagħat anqas minn 5 ijiem qabel l-iskadenza. Jekk jogħġbok innota li l-applikazzjonijiet li ma jintbagħtux sad-data ta’ skadenza ma jistgħux jitqiesu.

Jekk inti tkun tqila waqt il-perjodu tal-applikazzjoni, tista’ tissottometti l-mistoqsijiet jew it-talbiet tiegħek għal aġġustamenti fil-formola online li se tintalab timla wara li tissottometti l-applikazzjoni tiegħek. Il-link għall-formola online se tkun disponibbli fl-applikazzjoni tiegħek. Tinsiex tehmeż iċ-ċertifikat mediku li jikkonferma d-data mistennija tal-ħlas jew id-data tal-ħlas f’każ li diġà wellidt.

Jekk tiskopri li inti tqila aktar tard jew twelled matul il-perjodu tal-proċedura ta’ selezzjoni, ikkuntattja lit-tim iddedikat tal-EPSO malajr kemm jista’ jkun permezz tal-indirizz tal-email epso-accessibility@ec.europa.eu, u pprovdi ċertifikat mediku li jikkonferma d-data mistennija tal-ħlas jew ta’ meta wellidt.

Ninfurmawk dwar l-għażliet possibbli wara li nistħarrġu r-rikjesta tiegħek.

L-EPSO jagħti importanza kbira lill-ugwaljanza, lid-diversità u lill-inklużjoni, u jagħmel kull sforz biex jirrispetta l-opportunitajiet indaqs, it-trattament ugwali u l-aċċess ugwali għall-applikanti.

Jekk tħoss li ġejt ittrattat b’mod inġust jew diskriminatorju minħabba waħda mill-karatteristiċi li ġejjin jew aktar: is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, jekk jogħġbok ikkuntattjana minnufih biex taqsam l-osservazzjonijiet u t-tħassib tiegħek.

Aħna nagħtu attenzjoni mill-qrib lill-feedback li nirċievu mingħand l-applikanti, li huma fil-qalba tal-politiki u l-prassi tagħna dwar l-ugwaljanza, id-diversità u l-inklużjoni. Għal aktar informazzjoni dwar kif nipprattikaw dawn il-politiki, jekk jogħġbok ara Kif niżguraw l-opportunitajiet indaqs.

L-aċċessibbiltà hi importanti ħafna għall-EPSO. Aħna naħdmu b’mod kontinwu biex intejbu l-aċċessibbiltà tal-proċeduri ta’ komunikazzjoni u selezzjoni tagħna.  

Madankollu, jekk tiltaqa’ ma’ diffikultajiet marbuta mal-aċċessibbiltà fil-kont tal-Kandidat tiegħek jew fis-sit web tagħna, jekk jogħġbok ikkuntattjana biex taqsam l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħek. 

Jekk ikun meħtieġ, l-EPSO jipproduċi formati adattati aċċessibbli għat-teknoloġija ta’ assistenza. 

Il-feedback tiegħek huwa essenzjali għalina u jgħin biex tittejjeb l-aċċessibbiltà tas-servizzi tagħna għal kulħadd. 

Tista’ ssir taf aktar dwar il-ħidma tal-EPSO biex tittejjeb l-aċċessibbiltà fuq il-paġna web tagħna dwar opportunitajiet indaqs. 

It-testijiet tal-EPSO huma żviluppati u mmonitorjati bir-reqqa mit-tim ta’ psikologi okkupazzjonali interni flimkien ma’ Membri tal-Bord ta’ Selezzjoni magħżulin b'attenzjoni mill-Istituzzjonijiet kollha tal-UE.

L-EPSO jimmonitorja b’mod kontinwu l-aħħar żviluppi u innovazzjonijiet fit-tfassil tat-testijiet abbażi tar-riċerka xjentifika u f’dawn l-aħħar snin introduċa ttestjar online fil-proċeduri ta’ selezzjoni tiegħu.

L-objettiv ewlieni tat-testijiet ta’ raġunament tal-EPSO hu li jiġu evalwati l-kapaċitajiet ta’ raġunament ewlenin għall-uffiċjali futuri kollha tal-UE, u mhux li jitnaqqsu n-numri tal-kandidati.

Dawn it-testijiet, li huma bbażati fuq studji xjentifiċi stabbiliti sew, għandhom valur għoli ta’ previżjoni għoli għall-prestazzjoni futura fl-impjieg meta mqabbla ma’ testijiet ibbażati purament fuq l-għarfien.

Minkejja li l-kandidati fl-istess kompetizzjoni ma jirċevux l-istess mistoqsijiet, il-livell ta’ diffikultà tat-testijiet individwali mogħtija lil kull kandidat hu identiku, u dan jiżgura trattament indaqs.

Il-validità u l-affidabilità tat-testijiet ibbażati fuq il-kompjuter b’għażla multipla ġiet ikkonfermata mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea li kkonfermat ukoll li dawn it-testijiet huma konformi mal-prinċipju tat-trattament ġust u indaqs.

Fl-istess ħin, it-testijiet ibbażati fuq il-kompjuter jippermettu lill-EPSO jelvalwa n-numri kbar ta’ kandidati fi żmien qasir ħafna b’mod effiċjenti u faċli għall-utent.

Il-Qafas ta’ Kompetenza jiddefinixxi l-kompetenzi li huma kkunsidrati essenzjali għal prestazzjoni effettiva fi kwalunkwe impjieg partikolari, fl-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE li jservi l-EPSO.

Uħud minn dawn il-kompetenzi jiġu vvalutati mill-EPSO matul il-fażi tas-selezzjoni filwaqt li oħrajn jiġu vvalutati mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE nfushom matul il-fażi tar-reklutaġġ.

Għall-profili aktar speċjalizzati, l-Istituzzjonijiet tal-UE jfittxu kandidati li huma kkwalifikati ħafna fil-qasam tal-għarfien espert tagħhom.

Tista’ dejjem issib l-informazzjoni dwar il-kompetenzi relatati mal-qasam, kif ukoll it-testijiet li jevalwaw kemm il-kompetenzi ġenerali u dawk relatati mal-qasam fl-Avviż ta’ Kompetizzjoni.

Ikkonsulta l-kompetenzi ġenerali u l-ankri rispettivi tagħhom (“ankri” huma l-elementi meqjusa meta jiġu evalwati kompetenza partikolari).

Iva, meta japplikaw għal kompetizzjoni tal-EPSO, il-kandidati jistgħu jagħżlu jekk jixtiqux li d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom jiġu kondiviżi mal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat Membru tal-UE tagħhom.

Jekk il-kandidati jaqblu, l-EPSO jista’ jittrażmetti isimhom, l-indirizz tal-email tagħhom u r-referenza tal-kompetizzjoni kkonċernata sabiex l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jikkuntattjawhom b’offerti ta’ appoġġ relatati mal-proċess tal-għażla u tar-reklutaġġ (bħal taħriġ, sessjonijiet ta’ informazzjoni jew materjali ta’ gwida).

Din l-għażla hija fakultattiva u tapplika biss għall-kompetizzjoni speċifika kkonċernata. Il-kandidati jridu jindikaw l-għażla tagħhom kull darba li jissottomettu applikazzjoni ġdida.

Il-kandidati jistgħu jirtiraw il-kunsens tagħhom fi kwalunkwe ħin billi jikkuntattjaw lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti.

L-ipproċessar tad-data personali jitwettaq skont ir-regoli tal-UE applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

Jekk irċevejt konferma tar-riċevuta wara li tkun bgħatt it-talba tiegħek għal rieżami, ma għandekx tibgħat tfakkira sakemm ma jkunx għadda ammont ta’ żmien sinifikanti minn mindu ktibt.

It-tweġibiet għat-talbiet għal rieżami jistgħu jieħdu diversi ġimgħat, peress li l-Bord tas-Selezzjoni jrid jiltaqa’ biex jieħu deċiżjoni qabel ma tkun tista’ tinħareġ tweġiba.

Jekk il-Bord tas-Selezzjoni jaċċettak mill-ġdid wara li tkun saret ir-reviżjoni, inti tidħol mill-ġdid fil-proċedura tal-għażla fl-istadju fejn tkun ġejt eskluż qabel, irrispettivament minn fejn tkun waslet sadattant il-kompetizzjoni.